Filmat: Kyra tirċievi award waqt li qed tieħu r-ritratti flimkien ma’ 8 oħra! - ALS Malta

L-Awards ta' 2024

Kyra tirċievi award waqt li qed tieħu r-ritratti flimkien ma’ 8 oħra!

Nhar is-sibt tellajna ‘The Neriku Jacket Handover Awards Ceremony’ biex nippremjaw nies tant għal qalbna li għinuna tul dawn l-aħħar snin. Kull rebbieħ kellu storja ħelwa xi jgħid dwar l-esperjenza taghħom bħala voluntiera.

Anna u Diane huma żewġ nisa bil-familjari taghħom ġewwa DAR Bjorn. Anna għandha lil David – ir-raġel taghħa u Diane it-tifel – Matthew. It-tnejn kienu sorpriżi meta ingħataw il-ġakketta. “Hawnekk sibt familja” tgħid Anna bid-dmugħ f’għajnejha, “Ma nistax nispjega x’qed inħoss”.

Persuna oħra li rċeviet il-ġakketta tal-ALS Malta kien, Andrew f’isem il-management ta’ The Convenience. Dawn ma jaħsbuhiex darbtejn biex jagħtuna daqqa t’id meta nċemplulhom. Kien għalhekk li ħassejna li għandna nonorawhom, għall-għajnuna li jagħtuna, kull meta jkollna bżonn.

“Din il-ġakketta tfisser ‘commitment’ lejn Bjorn, l-ALS u anke lejn ir-residenti” Andrew qasam mal-mistednin. Ikompli jgħid li r-raġuni għaliex qiegħed jirċievi l-ġakketta hija għax Ivan Calleja – wieħed mid-diretturi ta’ The Convenience dejjem emmen bis-sħiħ l-importanza li jkunu hemm għal nies li għandhom bżonn. “Bjorn jgħallimna ta’ kuljum, għax dak kollhu li jagħmel m’huwiex għalih imma għal dawk ta’ madwaru” jgħid Andrew.

Irċevew ġakketta wkoll; Dorothy li hi ħaddiema f’DAR Bjorn Qormi, Sylvia u Mary huma voluntiera. Wieħed mir-residenti; Kenneth irċieva l-ġakketta wkoll u ddeskrieva dan bħala “unur”. Ġakketta oħra marret għal Manuel li għamel żmien jaħdem f’DAR Bjorn u għadu jattendi kull attività. Manuel qal li l-Ġakketta hija unur peress li jaf lil Bjorn personalment u l-ġid li jagħmel ma’ nies b’diżabilità.

U fl-aħħar imma mhux l-inqas – Kyra – il-fotografu ta’ DAR Bjorn. Hekk kif kienet qed tiġbed ir-ritratti tal-avveniment permezz ta’ apparat apposta, il-preżentatur għajjat “Kyra, din l-aħħar ġakketta għalik”. L-espressjoni ta’ xokk li kellha fuq wiċċha malajr inbidel għal tbissima radjanti. Missierha u ommha mexxuha ‘l quddiem biex tirċievi l-ġakketta.

Ommha qalet li dan kollu beda minn proġett li riedet tagħmel għall-kors tal-fotografija. Meta ommha saqsietha ma’ min riedet tagħmlu, Kyra fil-pront qalet, “DAR Bjorn!”. U minn dik il-ġurnata l’hemm, baqgħet tiġi l-avvenimenti tagħna u tiddokumentahom b’kamera mqabbda mal-wheelchair taghħa li tikkontrollha permezz ta’ mowbajl u ‘stylus’ li tuża b’ħalqha.

Dawn huma nies li ħallew impatt fuq ħafna nies flimkien ma’ DAR Bjorn bil-modijiet differenti tagħhom. Imma mhux ħa nieqfu hawn. Kun parti mill-persuni li jgħinu lil DAR Bjorn. Il-Maratona ġbir ta’ fondi tal-ALS Malta+ se sseħħ fit-22 ta’ Settembru bit-titlu ta’ “Sal-aħħar nifs”. Aħna ħa nagħmlu s-sehem tagħna. U int?

Other Articles