Filmat: Ser nagħmlu l-aħħar xewqa ta’ Joe Debono realtà xahrejn qabel għeluq sninu! - ALS Malta

Ix-xewqa ta' Joe

L-aħħar xewqa ta' Joe Debono

Proprju xahrejn qabel għeluq sninu, fil-25 ta’ Marzu ser nagħmlu x-xewqa ta’ Joseph Debono (James Bondin) realtà. Joe ħalliena s-sena l-oħra ftit wara l-maratona ġbir ta’ fondi biex tkun tista’ tinfetaħ DAR Bjorn Żebbuġ. Kien ilu sa mill-bidu tal-2020 jbati mill-kundizzjoni tal-ALS. 

 

Ftit qabel id-dijanjosi, Joe kien beda jistudja biex ikun jista’ jdawwar lit-turisti madwar Malta u jgħidilhom fuq l-istorja. Iżda din l-idea ttapnet meta skopra bil-kundizzjoni newreloġika. Ma’ Bjorn tkellem fuq il-fatt li ma setax iħaddem idejh u għal daqstant kellu bżonn apparat teknoloġiku; eye gaze, biex ikun jista’ jikteb ktieb. Bjorn u ALS Malta+ raw kif għamlu u taw lil Joe Debono dan l-apparat u bis-saħħa t’hekk, Joe seta jikteb żewġ kotba l-ġmiel tagħhom. L-aħħar ktieb li kiteb kien fuq treasure hunt madwar Malta, mżewwaq bl-istorja ta’ Malta u storja romantika ta’ żewġ persuni. 

 

Biss Joe kellu xewqa oħra li xtaq li tkun possibli. F’intervista li għamillu Peppi Azzopardi f’edizzjoni speċjali ta’ Xarabank, Joe stqarr li jixtieq jibda proġett fejn jista’ jdawwar persuni bil-wheelchair madwar Malta u jgħidilhom fuq l-istorja u l-ġmiel ta’ wirt li għandna. Il-proġett semmih, “Culture on Wheels”. Dan il-proġett ġab l-fondi tal-Voluntary Organisations Project Scheme (VOPS), Malta Council for the voluntary sector u ALS Malta+. 

 

 

Biss minħabba l-pandemija din ix-xewqa kellha tiġi posposta. Ma setax ikun hawn tours b’ħafna nies flimkien minħabba r-restrizzjonijiet tal-Covid-19. Madankollu meta s-sena l-oħra kien hawn ir-rilaxx tal-miżuri, dan il-grupp għamel l-ewwel vjaġġ tentattiv u kien suċċess. F’dan l-ewwel vjaġġ, Joe Debono kien preżenti u l-grupp ta’ persuni bil-wheelchair żaru l-Belt Valletta. Kienet mawra mill-isbaħ, b’Joe Debono ferħan ser ittir li fl-aħħar ra dan il-proġett jieħu l-ħajja. 

 

It-tieni vjaġġ bi prova kien skedat għas-Sibt 30 ta’ Ottubru, iżda dik il-ġimgħa Joe Debono ħalla din id-dinja. Minkejja li kien ser issir xorta biex tiġi mfakkra l-memorja ta’ dan il-personalita maħbuba, inzerta li dakinhar kienet ix-xita u xorta tħarbat kollox. Minn dakinhar it-tim kompla jaħdem sabiex dan il-proġett ikun jista’ jsir possibli. 

 

Għalhekk fil-25 ta’ Marzu, xahrejn biss il-bogħod minn għeluq snin Joseph Debono, ser ikun hemm it-tnedija uffiċjali tal-Culture on Wheels f’Misraħ l-Arċisqof, L-Imdina. F’din is-serata ser jiġi mfakkar dan l-attur maħbub b’tifkira ħelwa. 

 

25 ta’ SettembruSe Ngħinu Aktar b’maratona ġbir ta’ fondi b’risq DAR Bjorn Respite. 

Ritratti tal-ewwel attività

Other Articles