Ara l-intervista: It-Tobba jgħidulu li mhux ser jgħix aktar minn 20 sena - ALS Malta

 L-istorja ta' Clint

It-Tobba jgħidulu li mhux ser jgħix aktar minn 20 sena

Ġina irrakkontat l-istorja ta’ binha Clint. Clint kien għad kellu biss 3 snin meta bdew jindunaw li kien qed ibati biex jimxi u jitla’ t-taraġ. “Ma kienx jgħaġġel bhal sħabu jew ħuħ, xi ħaġa kienet ħażina u morna nagħmlulu t-testijiet meħtieġa”. It-tobba jgħidulha li Clint kellu muscular dystrophy. Kundizzjoni ħarxa ħafna, li tibda toqtol il-muskoli kollha ftit ftit.


It-tobba kienu ċari ma’ Ġina, tawha l-aħbar li t-tifel tagħha mhux ser jgħix aktar minn 20 sena. “Kull birthday li kellu kont nibki għax kont ngħid li qed jersaq iż-żmien tiegħu” tgħid Ġina. Clint, żagħżugħ determinat u ġellied baqa’ jagħmel sforz sabiex jgħix. Minkejja li kienet iebsa ħafna għalih, kien jagħmel minn kollox biex jara lill-familja tiegħu mhux qed jinkwetaw għalih.


Il-ħajja ta’ Clint ġiet aktar diffiċli meta tilef l-abbilta’ li juża idejh. “Kien irrabja għax beda jgħid, ‘X’ser jiġri minni?’, dak iż-żmien kien qalli li Bjorn kien juża xi ħaġa b’għajnejh u għamilna appuntament miegħu”, tgħid Gina.


“Lil Clint, xħin rajtu b’entużjażmu ridt ngħinu bhal ma nagħmel ma’ kulħadd. Urejtu kif nuża l-computer jien u għedtlu li f’dik il-ġimgħa, Maria kienet ser tmur teħodlu dan l-apparat b’xejn!” jgħid Bjorn.


Parti mid-donazzjonijiet li nirċievu, jinxtraw diversi għodda biex persuni li jkollhom mard newreloġiku ikunu jistgħu jibqgħu jgħixu b’ħajja diċenti. Għalhekk nhar il-Ħadd, 26 ta’ Settembru hemm bżonn li tgħin l-ALS Malta tkompli tgħin lil aktar pazjenti.


Il-computer għen ħafna lil Clint ikompli jagħmel dak li jħobb. Sfortunatament, f’April ta’ 2020, qabel għalaq 23 sena, Clint iħallina.

“Dak iż-żmien kien qalli li Bjorn kien juża xi ħaġa b’għajnejh u għamilna appuntament miegħu” – Omm Clint

Other Articles