- BOV Mobile 79096249
Nhar is-sibt tellajna ‘The Neriku Jacket Handover Awards Ceremony’ biex nippremjaw nies tant għal qalbna li għinuna tul dawn l-aħħar snin. Kull rebbieħ kellu storja ħelwa xi jgħid dwar l-esperjenza taghħom bħala voluntiera.
Persuna oħra li rċeviet il-ġakketta tal-ALS Malta kien, Andrew f’isem il-management ta’ The Convenience. Dawn ma jaħsbuhiex darbtejn biex jagħtuna daqqa t’id meta nċemplulhom. Kien għalhekk li ħassejna li għandna nonorawhom, għall-għajnuna li jagħtuna, kull meta jkollna bżonn.
“Din il-ġakketta tfisser ‘commitment’ lejn Bjorn, l-ALS u anke lejn ir-residenti” Andrew qasam mal-mistednin. Ikompli jgħid li r-raġuni għaliex qiegħed jirċievi l-ġakketta hija għax Ivan Calleja – wieħed mid-diretturi ta’ The Convenience dejjem emmen bis-sħiħ l-importanza li jkunu hemm għal nies li għandhom bżonn. “Bjorn jgħallimna ta’ kuljum, għax dak kollhu li jagħmel m’huwiex għalih imma għal dawk ta’ madwaru” jgħid Andrew.
Irċevew ġakketta wkoll; Dorothy li hi ħaddiema f’DAR Bjorn Qormi, Sylvia u Mary huma voluntiera. Wieħed mir-residenti; Kenneth irċieva l-ġakketta wkoll u ddeskrieva dan bħala “unur”. Ġakketta oħra marret għal Manuel li għamel żmien jaħdem f’DAR Bjorn u għadu jattendi kull attività. Manuel qal li l-Ġakketta hija unur peress li jaf lil Bjorn personalment u l-ġid li jagħmel ma’ nies b’diżabilità.
U fl-aħħar imma mhux l-inqas – Kyra – il-fotografu ta’ DAR Bjorn. Hekk kif kienet qed tiġbed ir-ritratti tal-avveniment permezz ta’ apparat apposta, il-preżentatur għajjat “Kyra, din l-aħħar ġakketta għalik”. L-espressjoni ta’ xokk li kellha fuq wiċċha malajr inbidel għal tbissima radjanti. Missierha u ommha mexxuha ‘l quddiem biex tirċievi l-ġakketta.
Dawn huma nies li ħallew impatt fuq ħafna nies flimkien ma’ DAR Bjorn bil-modijiet differenti tagħhom. Imma mhux ħa nieqfu hawn. Kun parti mill-persuni li jgħinu lil DAR Bjorn. Il-Maratona ġbir ta’ fondi tal-ALS Malta+ se sseħħ fit-22 ta’ Settembru bit-titlu ta’ “Sal-aħħar nifs”. Aħna ħa nagħmlu s-sehem tagħna. U int?
We aim to assist the current national neurological population with a state-of-the-art solution.
Subscribe to this mailing list and you will receive updates on the various events ALS Malta organises from time to time