Ara l-intervista: Għajnejn Kenneth daru fi dmugħ xħin sar jaf li ser jidħol DAR Bjorn. - ALS Malta

 L-istorja ta' Kenneth

Għajnejn Kenneth daru fi dmugħ xħin sar jaf li ser jidħol DAR Bjorn.

L-istorja ta’ Kenneth toħodna meta kellu 28 sena, dak iż-żmien kien qed jistudja l-Amerika. “Kont qed nistudja barra u fl-aħħar sena tal-kors bdejt inħoss xi tnemnim” jgħid Kenneth fl-intervista. F’ġurnata minnhom, Kenneth ma setax jgħolli saqajh. Timmaġina raġel ta’ 28 sena b’diffikulta biex jgħolli siequ?


Minn hemm, Kenneth jittieħed l-isptar u jsirulu t-testijiet meħtieġa. Mid-dijanjosi, lil Kenneth jgħidulu li għandu Multiple Sclerosis. Din hi kundizzjoni li tattakka l-protezzjoni tan-nervituri u tibda tikkawża danni newrologiċi. Fosthom problemi fis-senzazzjoni ta’ sħana, kesħa u tingiż fl-idejn u s-saqajn.


Minkejja li Kenneth sab xogħol ġewwa bank, kellu jieqaf minħabba saħħtu. Fiż-żmien il-pandemija, omm Kenneth kellha tittieħed l-isptar u missier Kenneth kien qiegħed ġo home. Kenneth jispiċċa waħdu d-dar, iżda oħtu li kienet tgħix l-Amerika qabdet l-aħħar ajruplan biex tasal Malta fil-ħin qabel ingħalaq l-ajruport. “Bqajt hawn Malta biex nieħu ħsieb lil ħija, imma, ħija kelli bżonn l-għajnuna, ma stajtx nieħu ħsieb waħdi”, tgħid oħt Kenneth.

 

Kenneth kien ilu miktub fil-waiting list ġewwa DAR Bjorn, iżda s-sena l-oħra rċieva l-aħbar li nstabitlu kamra. Kenneth ser jagħlaq sena u ftit xhur bhala resident f’DAR Bjorn. Oħt Kenneth tistqarr li meta rċeviet it-telefonata minn DAR Bjorn li nstab post għal ħuha kienet eċitata mmens. “Lil Kenneth xħin għedtlu, għajnejh daru fi dmugħ. DAR Bjorn hi t-tama tagħna” tgħid Lorraine (oħt Kenneth).

 

L-għajnuna tiegħek hi ta’ kuraġġ kbir kemm għal Bjorn u anke għall-pazzjenti kollha li qed jistennew kamra. Għalhekk hemm bżonn li tinfetaħ DAR Bjorn il-ġdida llum qabel għada sabiex pazjenti bhal Kenneth li jgħixu waħdihom jiksbu l-indipendenza u jgħixu aħjar.

“Kont qed nistudja barra u fl-aħħar sena tal-kors bdejt inħoss xi tnemnim” – Kenneth

Other Articles