Filmat: “Bdejt nibża’ li qtilt lil ibni!” - Carmen omm Bjorn  - ALS Malta

Ep1 - Marelli

- Żewġ Ambulanzi

“Bdejt nibża’ li qtilt lil ibni!” - Carmen omm Bjorn 

Din il-ġimgħa, ALS Malta+ nediet il-podkast uffiċjali; Marelli. Dan ser ikun sensiela ta’ intervisti ma’ personalitajiet li ħadmu id f’id ma’ din il-fondazzjoni. Fil-ġimgħa ddedikata lil Jum l-Omm, ħsibna biex nippublikaw l-ewwel episodju. Episodju fejn Maria ser tkun qed tlaqqana mal-kunjata tagħha. Tista’ tisma l-episodju HAWN jew tarah fuq Facebook;



 

Carmen titkellem fuq bosta episodji li ġraw meta Bjorn kien għadu jgħix magħha. Carmen tirrakonta l-ewwel darba li skopriet li binha ser jibda xi testijiet. “Kien wara l-ikla tal-Għid, Bjorn stedinna għandu u kien qalli li kien ser imur jagħmel xi testijiet taċ-ċirkulazzjoni” – tgħid Carmen. Iżda t-tabib dakinhar lil Bjorn kien qallu li kellu ċ-ċirkulazzjoni tajba ħafna, iżda rreferih għand newrologu. MInn hemm ħajjet Bjorn inqalbet u minn persuna li qajla żar l-għatba tal-isptar, kien qed ikollu jmur kuljum minħabba xi testijiet. 

 

F’dan l-episodju Carmen tirrakonta kif f’laqgħa li kellhom man-newrologu, Bjorn ma kienx waqaf jistaqsi mistoqsijiet fuq il-kundizzjoni, “Għidli lili x’jibqa’ fik meta tara lil ibnek ser jgħaddi minn dan kollu. Għal bidu ħsibtu li qed jaseġera iżda kif jidher f’kollox kellu raġun”. Darba minnhom waqt li kien qed jaqsam minn triq traffikuża tal-Ħamrun, Bjorn jaqa’ ħesrem u jispiċċa mindud fl-art, “Dak il-ħin ippanikjajt, rajtu hemm fl-art. Imnalla kienu xi nies ta’ quddiemi li ħarġu jgħinuh” tgħid Carmen. 

 

Carmen tirrakonta episodju riċenti fejn Bjorn talabha biex tixtrielu l-kirxa. Inzerta li dakinhar il-kirxa kienet ftit niexfa u omm Bjorn sajritha normali. “Damet 4 sigħat fuq in-nar u mort nagħtielu. Kont qed nieħu pjaċir narah jiekolha, iżda mar-raba’ waħda narah jixraq” tgħid imbikkma Carmen. Dan l-aħħar, Bjorn qed isibha diffiċli biex jiekol ċertu ikel u jispiċċa jixraq ħafna. Dan l-episodju kien ftit gravi. “Bdejt nibża li qtilt lil ibni, kemm għajjat! Ġennintha dar” qalet Carmen. Taliqnas, infermier li kien qed jaħdem miegħu dak il-ħin jirnexxielu jgħin lil Bjorn fil-ħin. Imma dakinhar, ġew żewġ ambulanzi għal Bjorn! 

 

F’Marelli, Carmen irrakontat bosta episodji ħelwin fuq Bjorn, fostom x’kien jagħmel meta kien żgħir, meta kienet rat lil Maria l-ewwel darba u x’ħasset meta Bjorn ta l-ġakketta tal-uniformi tiegħu bhala rigal! Marelli huwa proġett ta’ ALS Malta+ bi preżentazzjoni ta’ Maria Formosa.

 

25 ta’ Settembru – Maratona ġbir ta’ fondi għall-proġett ta’ DAR Bjorn Respite. 

Ritratti mill-filmat

Muntaġġ u filmat: Johann Caruana

Other Articles